Stqarrijiet għall-istampa | 7.5. 2024

Pilotaġġ ta' prattiki eżemplari fl-Istati Membri tal-UE

Photo of camera and recording equipment

Introduzzjoni

Il-momentum tal-proġett li żviluppa matul iż-żjarat fuq il-post tas-sena li għaddiet iwassalna għall-fażi li jmiss tal-proġett – Kif Negħlbu l-Ostakli għat-Tilqim: Pilotaġġ ta’ prattiki eżemplari fi Stati Membri tal-UE magħżula.

Iż-żjarat fuq il-post, li saru fi Spanja, fl-Italja, fid-Danimarka, fin-Netherlands u fl-Irlanda, ġabru flimkien l-awtoritajiet tas-saħħa li analizzaw il-prattiki u l-applikazzjonijiet potenzjali fil-pajjiż jew fir-reġjun tagħhom. Il-fokus fl-2024 issa se jdur fuq l-adattament u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-prattiki eżemplari fi Stati Membri oħra tal-UE.

Il-proġetti pilota se jittestjaw ir-rilevanza u t-trasferibbiltà ta’ prattiki magħżula taħt tliet gruppi: programmi ta’ tilqim fl-iskejjel, unitajiet mobbli għat-tilqim, u skemi ta’ tfakkir dwar it-tilqim. Il-proġetti pilota se jdumu 12-il xahar u se jsiru f'disa' Stati Membri tal-UE.

L-identifikazzjoni tal-gruppi u l-għażla tal-Istati Membri tal-UE li se jkunu voluntiera biex imexxu l-proġetti pilota huma bbażati fuq kompiti u attivitajiet preċedenti tal-proġett, li jinkludu:

  • l-immappjar tas-servizzi tat-tilqim u l-identifikazzjoni tal-ostakli għat-tilqim madwar l-Unjoni Ewropea,
  • stħarriġ fuq skala kbira fost iċ-ċittadini u l-professjonisti tas-saħħa fl-Istati Membri kollha,
  • għażla ta' ħames l-aħjar prattiki biex jingħelbu l-ostakli għat-tilqim ta' natura fiżika, prattika, u amministrattiva, u
  • impenn attiv mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Metodoloġija

Biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-prattiki magħżula u biex jintlaħqu l-objettivi tal-awtoritajiet tas-saħħa parteċipanti fil-fażi tal-proġett pilota, it-tim tal-proġett ħa approċċ gradwali pass pass biex jibni lista ta’ Stati Membri tal-UE voluntiera:

Pass 1

Bħala parti mill-Kompitu 1, l-esperti nazzjonali tas-saħħa wettqu riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni u intervisti biex jidentifikaw u jimmappjaw l-ostakli għat-tilqim fl-Istati Membri kollha. L-għan kien li jiġu mmappjati s-servizzi tat-tilqim fl-Istati Membri kollha u li jiġu identifikati l-ostakli fiżiċi, prattiċi u amministrattivi prinċipali fil-proċess tat-tilqim taċ-ċittadini (jiġifieri, metodi ta’ sensibilizzazzjoni, rekwiżiti ta’ qabel l-amministrazzjoni, proċeduri ta’ prenotazzjoni, distanza tal-ivvjaġġar). 

Infographic presenting vaccination barriers identified in the EU Member States

Pass 2

Bħala parti mill-Kompitu 3, tnediet sejħa miftuħa lill-awtoritajiet tas-saħħa bi stedina biex jippreżentaw prattiki promettenti. Total ta’ 24 prattika minn 16-il awtorità tas-saħħa ġew ippreżentati permezz tal-Portal tal-Aħjar Prattiki tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ SANTE). Tim ta’ evalwaturi identifika ħames prattiki promettenti li għandhom jimxu ’l quddiem għal żjarat fuq il-post abbażi tal-qafas ta' evalwazzjoni żviluppat mill-Grupp ta' Tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard mhux Komunikabbli (SGPP). Il-ħames prattiki promettenti magħżula kienu: 

Pass 3

Bħala parti mill-Kompitu 4, rappreżentanti tal-awtoritajiet tas-saħħa minn madwar l-UE ħadu sehem f'ħames żjarat separati fuq il-post li matulhom il-parteċipanti analizzaw il-prattika magħżula u rrevedew l-applikazzjonijiet potenzjali fil-pajjiż jew fir-reġjun tagħhom. Dawn l-iskambji ppermettew lill-awtoritajiet tas-saħħa li jiffaċċjaw ostakli simili u b’interessi simili biex jinteraġixxu u jaqsmu fehmiet u opinjonijiet. Il-parteċipazzjoni tagħhom kienet essenzjali biex tgħaqqad il-prattiki mal-awtoritajiet tas-saħħa li kienu interessati fil-pilotaġġ tagħhom.

Fl-aħħar nett, il-ħames prattiki magħżula ġew miġbura fi gruppi (b'tipoloġiji ta' prattiki simili) b'karatteristiċi u ostakli simili sabiex jiġi ffaċilitat l-adattament tagħhom għal kuntesti nazzjonali jew reġjonali differenti. Xi aspetti ta’ dawn il-prattiki għalhekk se jiġu adattati, trasferiti, u pilotati.

Tipoloġija tal-prattiki

Il-kunċettwalizzazzjoni tal-proġetti pilota hija miġbura fi tliet tipoloġiji:

Programm ta’ Tilqim fl-Iskejjel

Iż-żewġ prattiki tal-programm ta’ tilqim fl-iskejjel imressqa fi Spanja u fl-Irlanda huma miġbura f'tipoloġija waħda. It-tnejn jiffokaw fuq ħidma biex jintlaħqu t-tfal permezz ta’ programmi ta’ tilqim fl-iskejjel, li jipprovdu aċċess effiċjenti għat-tilqim għat-tfal filwaqt li jottimizzaw ir-riżorsi tal-persunal. L-awtoritajiet tas-saħħa fl-Estonja u fin-Netherlands se jittestjaw il-prattika tal-programm ta’ tilqim fl-iskejjel.

Unitajiet Mobbli

Il-prattiki tal-unitajiet mobbli għat-tilqim kemm fin-Netherlands kif ukoll fl-Italja jindirizzaw l-ostakli li jiffaċċjaw gruppi li diffiċli biex jintlaħqu u l-prossimità ġeografika għas-servizzi tat-tilqim. Dawn iż-żewġ prattiki huma miġbura bħala tip wieħed ta' prattika. Dan il-proġett pilota se jiġi implimentat mill-awtoritajiet tas-saħħa fl-Awstrija u fl-Iżvezja.

Skemi ta’ Tfakkir

L-iskema ta' tfakkir Daniża, li tippermetti komunikazzjoni aktar effiċjenti maċ-ċittadini u ttejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar is-servizzi tat-tilqim, hija t-tielet tip ta' prattika. L-awtoritajiet tas-saħħa fil-Kroazja, fil-Litwanja, fis-Slovenja, u fir-reġjuni Spanjoli ta' Katalunja u Murcia se jittestjaw it-trasferiment ta' din il-prattika eżemplari.

Identifikazzjoni ta’ kandidati idonei għall-proġetti pilota

Ladarba kienu ġew identifikati t-tipoloġiji tal-prattiki, l-awtoritajiet tas-saħħa kellhom l-opportunità li jesprimu l-interess tagħhom li jipparteċipaw fi proġett pilota f’wieħed mit-tliet gruppi permezz tal-preżentazzjoni ta’ skedi informattivi pilota (jiġifieri espressjoni formali ta’ interess u ideat dwar il-pilotaġġ).

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' proġett pilota taħt dan il-proġett, japplikaw xi prekundizzjonijiet għall-għażla:

  • Il-preżenza ta' ostakli indirizzati mill-prattika;
  • Ix-xewqa jew l-intenzjoni tal-awtorità tas-saħħa li tindirizza dawn l-ostakli, b’impenn u involviment attiv matul iż-żjarat fuq il-post;
  • Il-qafas legali xieraq u l-infrastruttura teknika biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-proġett pilota.

Pereżempju, l-implimentazzjoni tal-prattika tat-tilqim fl-iskejjel teħtieġ il-preżenza ta’ programmi tat-tilqim fl-iskejjel attivi fil-pajjiż jew fir-reġjun. Il-pilotaġġ ta' aspetti tal-użu tal-unitajiet mobbli jeħtieġ li l-unitajiet mobbli jkunu jew kienu diġà użati fil-pajjiż jew fir-reġjun, filwaqt li l-pilotaġġ ta' tfakkiriet jeħtieġ il-preżenza ta' infrastruttura tal-IT.

Fuq il-bażi tal-proposti ta’ pilotaġġ riċevuti mill-awtoritajiet tas-saħħa u l-valutazzjoni tal-aspetti msemmija hawn fuq, disa’ proġetti pilota se jiġu implimentati fl-Awstrija, fil-Kroazja, fl-Estonja, fil-Litwanja, fin-Netherlands, fl-Iżvezja, fis-Slovenja, u fir-reġjuni Spanjoli ta’ Katalunja u Murcia.

Il-passi li jmiss

Il-passi li jmiss tal-proġett jinvolvu tliet fażijiet:

  • Preparazzjoni: Minn Marzu sa Mejju 2024, it-tim tal-proġett se jwettaq laqgħa ta’ koordinazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa responsabbli mill-pilotaġġ, u żjarat fil-fond f’kull pajjiż ospitanti (jiġifieri, id-Danimarka, in-Netherlands u Murcia (Spanja)) biex jikseb għarfien estensiv dwar is-set-up prattiku tal-proġetti pilota u biex jiskambja magħhom l-għarfien espert. Matul dan il-perjodu, it-tim se jikkollabora fuq il-ħolqien konġunt ta' materjali u l-istabbiliment ta' protokolli tas-sit, li jkomplu matul il-perjodu minn April sa Ġunju 2024.
  • Implimentazzjoni: Il-proġetti pilota se jitwettqu minn April sa Ottubru 2024. Din il-fażi tinkludi appoġġ bejn il-pari online u rieżami ta’ nofs it-terminu tal-proġetti pilota f’Ġunju-Lulju biex jiġi vvalutat il-progress u jsir kwalunkwe aġġustament meħtieġ.
  • Evalwazzjoni: L-evalwazzjoni tal-proġetti pilota se tkun integrata fl-approċċ, inkluż il-ġbir tad-data li għaddej. L-analiżi tad-data fil-fond hija skedata għal Ottubru 2024 sa Marzu 2025, meta se jiġu vvalutati t-trasferibbiltà u l-impatt tal-proġetti pilota. Bħala parti mill-Kompitu 5, se jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet li se jikkontribwixxu għall-Kompitu 6 - L-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif jingħelbu l-ostakli marbuta mal-“konvenjenza” fir-rigward tat-tilqim.

Interessat li ssegwi l-iżviluppi fil-proġetti pilota? Abbona fin-<newsletter>